Milux qrajt dokument ippublikat mill-SDM intitolat "Il-Pużizzjoni (recte, Pożizzjoni) tac-Ċentru Alcide De Gasperi Rigward iċ-Ċensura". F'dan id-dokument l-SDM tqajjem il-punt validissmu li d-dritt mhuwiex assolut imma jikkorespondi miegħu obligazzjoni. Dan joħroġ mill-prinċipju li fil-waqt li l-bniedem jitwieled ħieles, ma jistax jirfes fuq id-drittijiet ta’ ħaddieħor. Aktar minn hekk nieħu pjaċir naqra li l-SDM irrikonoxxiet li “huwa aċċettat fis-soċjeta` moderna u sekolari tal-llum illi mhux kull m’hu kontra l-morali għandu jkun illegali” u nittama li dan it-twemmin dejjem jiġi ikkunsidrat fid-deċiżjonijiet jew azzjonijiet li din l-għaqda taddotta.
Naturalment, dan kollu qed jingħad fil-kuntest taċ-ċensura u naħseb li wieħed jista jassumi li l-argument li l-SDM trid tqajjem permezz ta’ dan id-dokument huwa li l-liberta` tal-espressjoni għanda l-limitazzjonijiet tagħha. Tagħmel proprju dan billi targumenta li l-bażi tal-limitazzjoni hija msejsa fuq il-“ġid komuni” – kriterju li jitqajjem diversi drabi tul id-dokument. Fi kliem ieħor dan iffisser li jekk espressjoni jew opinjoni ta’ persuna jew grupp ta’ persuni tkun ta’ xkiel għal-ġid komuni mela huwa ġustifikabli li din it-tali espressjoni jew opinjoni tkun iċċensurata mil-Istat jew awtoritajiet pubbliċi – is-suppost gwardjani tal-ġid komuni.
Ippermettuli nirrepeti fuq fuq dak li diġa` għidt fil-kitba tiegħi “Profs. Kevin Aquilina interview on the Insiter magazine: A critique”. Il-Qorti Ewropeja tiġustifika kwalunkwe` limitazzjoni fuq il-liberta` tal-espressjoni fuq tliet krierji importanti: (1) il-limitazzjoni trid tkun preskritta fil-liġi; (2) il-limitazzjoni għanda jkollha għan leġittimu; u (3) l-eżerċizzju tal-limitazzjoni irid ikun neċċessarju f’soċjeta` demokratika. Anzi, din l-interpretazzjoni ma’ ħarġitx arbitrarjament mid-diskrezjoni tal-Qorti imma toħroġ proprju mill-lingwaġġ tal-Artiklu 10.2 tal-Konvenzjoni Ewropeja:
The exercise of these freedoms, since it carries with it duties and responsibilities, may be subject to such formalities, conditions, restrictions or penalties as are prescribed by law and are necessary in a democratic society, in the interests of national security, territorial integrity or public safety, for the prevention of disorder or crime, for the protection of health or morals, for the protection of the reputation or the rights of others, for preventing the disclosure of information received in confidence, or for maintaining the authority and impartiality of the judiciary.
Dan ifisser li l-Qrati tagħna għandom, mela le, jieħdu in konsiderazzjoni jekk xi espressjoni hijiex abbużiva u kontra l-ġid komuni imma aktar minn hekk jridu jqisu jekk l-impożżizzjoni tal-limitazzjoni hijiex neċessarja b’tali mod li toħnoq id-dritt fundamentali tal-espressjoni libera f’soċjeta` demokratika, jew biex nuża l-kliem tal-SDM stess, soċjeta` “moderna u sekolari”. Jekk ma jsirx dan l-eżerċizzju mill-ġudikant, u jitlef mil-mira tiegħu l-iskop u l-ispirtu tal-prinċipju fundamentali, jista jagħti lok għal interpretazzjoni legalistika ristretta żżejjed ta’ dan id-dritt (bħalma hekk għamel il-Profs. Kevin Aquilina fit-trattament tiegħu tas-suġġett). Agħar minn hekk il-ġudikant ikun qed jippermetti l-aġir arbitrarju u oppressiv tal-Istat.
Wieħed ma jistax ma jsaqsiex jekk verament l-każ tar-Realta`, d-dramm “Stitching” u diversi każijiet simili li jolqtu b’xi mod il-liberta` tal-espressjoni abbużaw b’xi mod mil-ġid komuni. Kif naraha jiena kien pjuttost il-kuntrarju. Jekk xejn tqajjem fuq livell nazzjonali dibattitu fuq l-arti u ċ-ċensura. Tant hu hekk li l-politiċi ħadu nota ta’ x’qed jingħad u wieħed jittama li fl-iqsar żmien possibbli naraw modernizzar xieraq (jiena ngħid l-abrogazzjoni) tal-liġijiet antikwati marbutin maċ-ċensura, partikolarment it-tifsira legali ta’ “pornografija”. Mill-perspettiva ta’ student tal-liġi, ċertament li żvilupajt interess akbar fis-suġġett u l-istess, naħseb, nies oħra. Studenti universitarji ħadu l-inizzjattiva li jiddibattu dan is-suġġett fil-kampus u forums speċjali. Faqqset ukoll l-injoranza ta’ ċertu nies u l-bżonn ta’ aktar edukazzjoni u toleranza aktar wiesgħa` fil-pajjiż.
Dan l-aħħar bdejt nirrefletti il-għala letteratura oħra, li tuża l-istess lingwaġġ, hija permissibli, fil-waqt li l-istorja “Li Tkisser Sewwi” qajmet kjass sħieħ. Staqsejt jekk il-Maltin jistħux il-lingwa naturali tagħhom u rriflettejt fuq l-ironija tal-każ fejn il-kliem li hemm miktub, għalkemm wieħed jista jsejjaħlu ‘pastaż’ jew ‘oxxen’, huwa lingwaġġ komuni fost ħafna Maltin ordinarji. U għalfejn, allura, awtur m’għandux ikollu d-dritt li jirrapreżenta r-realtajiet ta’ madwaru, anki jekk dawn jniggiżu u/jew joffendu xi persuna jew grupp ta’ persuni? Dibattitu ħaj fuq is-suġġett u dejjem ta’ ġid f'soċjeta` demokratika u Ewropeja u ma nħossx illi wieħed għandu għalfejn bħan-nagħma ideffes rasu fir-ramel jew joqgħod lura milli fl-apert jiddiskuti temi attwali li jistgħu ukoll ikunu ta’ġid intelletwali u għas-saħħa morali.
Jiena nemmen li ċ-ċittadini, partikolarment dawk li ffaċċjaw xi forma ta’ ċensura, m’humiex qiegħdin jsostnu li għanda tirrenja l-anarkija. Nifhem li kullħadd, ħlief xi erba` mġienen, jaqbel li għandu jeżisti limitu, speċjalment fuq diskors intenzjonat biss biex jppromwovi l-mibgħeda u l-vjolenza jew il-korruzzjoni ta’ nies vulnerabbli. Il-prinċipju għandu jibqa li wieħed irid jiffaċċja l-konsegwenzi legali ta’ dak li jkun ippublika. Pero` l-limitazzjonijiet huma l-eċċezzjoni li għandom jitħadmu b’kawtela u ristrettezza kbira proprju għaliex huma eċċezzjonijiet u mhux regoli prinċipali. B’mod speċjali l-moralita` pubblika m’hijiex xi ħaġa statika u lanqas dommatika iżda hi pjuttost fluwida li tinbiddel minn żmien għal żmien dipendenti minn influssi komportamentali etiċi-soċjali u dawn jinneċessitaw kambjamenti fil-leġizlazzjonijiet ta’ pajjiż, b’mod li l-liġi, biex tkun verament dinamika, jeħtieġilha taġġorna ruħa mat-tibdiliet li jkunu qed iseħħu fis-soċjeta` fiż-żmienijiet differenti.
Nota Bene: Kif tosservaw dawn il-ħsiebijiet ħażżisthom bil-lingwa Maltija u dan mhux mingħajr skop. Għamilt hekk biex kontra il-politika innovattiva, iżda retrograda, tal-Universita` li kull ma jmur qed tbarri lill-Malti, nagħti importanza lill-ilsien pajjiżi.
Post a Comment